Il-Malti tul iż-Żmien
Ritianne Frendo
336885 (M)
Il-Malti tul iż-Żmien
LAS 1022
Iddiskuti kif il-ġeografija u l-istorja influwenzaw il-bidliet li għadda minnhom il-Malti.
Lettur: Dr. Olvin Vella
Kontenut
Introduzzjoni............................................................................3
Ilsien l-abitanti f’Malta qabel l-Għarab................................4
Il-Ħakma Għarbija sal-element Rumanz..............................5
Il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann..................................7
Taħt il-Kolonja Brittanika....................................................9
Konklużjoni............................................................................11
Riferenzi.................................................................................12
Introduzzjoni
“X’Jimpurtani ‘kk hux Feniċju,
jekk hux Għarbi jew Latin,
jekk hux aħrax jekk hux ħelu,
dan l-ilsien tagħna l-Maltin.”
Silta mill-poeżija L-Għanja tal-Ilsien Malti - Dun Karm
Skont il-Kostituzzjoni Repubblikana ta’ Malta, Kapitlu I, Artiklu 5, l-ilsien Nazzjonali ta’ Malta huwa l-ilsien Malti. Il-Malti, l-ilsien uffiċjali flimkien mal-Ingliż, huwa mitkellem mill-maġġoranza tal-Maltin. Huwa wkoll rikonoxxut bħala wieħed mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li għandha tagħmilna tassew kburin, kif fi gżira tassew ċkejkna, b’mhux aktar minn 450,000 abitanti, inħaddnu lingwa unika li ġiet magħġuna tul mijiet ta’ snin. Dan il-fatt ikompla jiżgura l-eżistenza ta’ din il-lingwa fit-tul għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Filfatt il-Malti nsibuh tista’ tgħid f’kull roqgħa ta’ din il-gżira ċkejkna u f’kull aspett ta’ ħajjitna, għax mhux biss nużawh fil-ħajja ta’ kuljum; fit-taħdit bejn il-ħbieb u mal-familja, iżda wkoll f’diversi oqsma bħall-edukazzjoni, fil-politika, fix-xandir, fil-ġurnaliżmu stampat u anke fil-knisja u fil-qrati tal-ġustizzja.
Kienu ħafna dawk l-istudjużi li studjaw l-għeruq ta’ lsienna u kif dan għadda minn bidla, saħansitra din il-bidla għadha sseħħ u għandna nkunu ċerti li se tibqa’ sseħħ. Dan għaliex il-lingwa hi ħajja u “ma nistgħux nikkunsidrawha bħala xi ħaġa darba għal dejjem”, kif jikkwota lil O. Jesperson Ġorġ Farrugia (1998) meta kiteb fuq il-Malti bħala lsien imħallat, fil-ktieb Lingwa u Lingwistika (p. 277). Mela tabilħaqq li l-lingwa tagħna hi riżultat ta’ avvenimenti li seħħew tul mijiet ta’ snin u kif ukoll ta’ dawk li għad iridu jseħħu.
Ilsien l-abitanti f’Malta qabel l-Għarab
Matul is-snin kienu ħafna lingwisti li interessaw ruħhom sabiex jippruvaw isibu biex kienu jitkellmu l-Maltin qabel ma spiċċajna taħt il-ħakma tal-Għarab.
Mill-Perjodu Neolitiku ma nafux x’lingwa kienu jitkellmu n-nies li kienu jgħixu hawn Malta, għalkemm inżommu li l-ewwel komunitajiet li ġew jabitaw hawn aktarx niżlu minn Sqallija. Mit-tempji pre-istoriċi ta’ Malta nistgħu naraw biss kitba non-alfabetika li kienet tikkonsisti fi tnaqqix dekorattiv.
Wara eluf ta’ snin, propju fis-sena 725 q.K, il-Feniċi kienu waslu f’din il-gżira li sejħulha Malat li tfisser irmiġġ sikur, għax Malta x’aktarx kienet tintuża bħala post ta’ waqfien bejn Sqallija Punika u Kartaġni.
Minn dan il-perjodu nstabu żewġ kandelabri tal-ġebel ħdejn il-kunvent tad-Dumnikani fir-Rabat fl-1820, iżda li waħda minnhom intilfet. Fuq l-oħra eżistenti sal-lum, dik li nsibu l-Mużew tal-Arkeoloġija, insibu kliem bil-Feniċju li titkellem dwar xi sagrifiċċju lill-allat, kif jidher fl-illustrazzjoni ta’ hawn taħt.
L-eqdem kitba misjuba f’Malta bil-Feniċju.
Fis-seklu 3 q.K mbagħad ir-Rumani ħadu f’idejhom il-gżejjer Maltin fejn issa bdew jirreferu għall-gżira bħala Melita, u fejn l-abitanti tagħha kien possibbli li jaddottaw il-Latin. Iżda naslu għall-konklużjoni li l-Puniku baqa’ mitkellem fost il-Maltin minħabba l-vers li nsibu fil-Bibbja fejn juri li l-‘Barbari’ ġabu ruħhom bi ħlewwa kbira ma’ dawk li sofrew din il-maltempata u spiċċaw f’ din il-gżira. Hawnhekk San Luqa uża din il-kelma li tirreferi għall-ġnus li ma kinux jitkellmu la Grieg u lanqas Latin, u għalhekk naslu ngħidu li kien il-Puniku l-ilsien ta’ Malta f’dan iż-żmien.
Bħalma seta’ ġara wkoll meta l-Biżantini ħakmu lil Malta; il-Grieg seta’ ħa post il-lingwa mitkellma, u għalkemm kien hemm perjodu twil fejn din il-lingwa setgħet tkun mitkellma mill-abitanti f’Malta, u ftit li xejn għandna informazzjoni fuq dan il-perjodu, Ġan Franġisk Abela jsostni li fil-Malti għandna kliem ta’ influwenza Griega bħal liti (talb), u Lapsi (tlugħ fis-sema) fost oħrajn.
Fil-ktieb Il-Malti – Elf Sena ta’ Storja (2000) il-Professur J.M Brincat jikteb kif “l-iskrizzjonijiet u l-muniti juru li f’Malta l-Puniku, il-Grieg u l-Latin kienu jintużaw it-tlieta bħala lingwi uffiċċjali” (p. 21) għalkemm m’għandna l-ebda ħjiel fiċ-ċert kif kienu jitkellmu n-nies li għexu hawnhekk f’dan il-perjodu qabel ma Malta waqgħet f’idejn l-Għarab.
Min-naħa l-oħra l-Professur Wettinger jaqbel li qabel il-miġja tal-Għarab fostna, filwaqt li l-Grieg kienet il-lingwa tal-amministrazzjoni, fil-qrati u fl-edukazzjoni, il-Puniku kienet il-lingwa mitħaddta fost il-popolin f’dan il-perjodu.
Il-Ħakma Għarbija sal-element Rumanz
Is-Sena 870 w.K żgur li toħodna lura meta Malta kienet waqgħet taħt il-ħakma tal-Għarab fejn dawn għexu u tħalltu mal-Maltin għal aktar minn mitejn sena. Hawn ta’ min isemmi l-awtur ‘Abd al-Mun’im al-Himyarî li kien kiteb ġabra ta’ deskrizzjonijiet storiċi u ġeografiċi, u fosthom tissemma Malta. F’dan il-ktieb isemmi kif Malta kien sar diżastru u damet diżabitata għal kważi 180 sena. Iżda forsi meta uża l-kelma ‘ħerba’ kien qed jirreferi għall-qerda tal-portijiet u l-Imdina, għalhekk “qerda tal-kapitali u tal-ħajja soċjali u amministrattiva li tirrapreżenta.” (Brincat, J.M. (2000) Il-Malti - Elf Sena ta’ Storja, p. 30)
Iżda al-Himyarî jissokta juri kif imbagħad l-Għarab waqqfu kolonja hawnhekk fl-1049. F’dan iż-żmien bla dubju li ħafna familji tħalltu għax ħafna nies bdew jiżżewġu nies Għarab. L-Għarab xerrdu t-twemmin Islamiku fost il-Maltin, u kienu ħafna li qelbu għal din ir-reliġjon. Daħħlu wkoll metodi ġodda fl-agrikoltura. Għalhekk ma noħduha xejn bi kbira kif l-Għarab influwenzaw il-lingwa tal-pajjiż, il-Malti, u dan l-element semitiku għadu ħaj sal-ġurnata tal-lum fl-ilsien tal-poplu.
L-Għarab daħħlu fil-Malti li nafu llum il-bażi grammatikali. Nafu lil din il-lingwa il-ħafna nomi u verbi komuni, il-kuluri u n-numri. L-Għarbi jimxi bis-sistema tal-għerq u din għadha magħna sal-lum. Ta’ min jgħid ukoll li għadna nużaw ittri Għarab, għalkemm tilfu l-ħoss u anki l-mod kif jinkitbu, bħall-għ u l-h.
Il-Professur Andrew Vella jikteb kif “l-aqwa fdal ħaj li għandna tal-Għarab hu...l-ilsien Malti...it-topografija ġenerali u etnika taż-żewġ gżejjer, barra mill-ħafna kunjomijiet ta’ familji Maltin li huma laqmijiet minn ismijiet ta’ widien, irħula, plajjiet u ismijiet oħra Għarbin.” (Vella, A. (1974) Storja ta’ Malta, Vol 1, p. 69) Biżżejjed insemmu l-Imdina li kienet ġiet modifikata f’dan iż-żmien biex nifhmu dan il-punt; għax jekk ikollna nħarsu lejn l-ibliet tal-Afrika ta’ fuq naraw xebh konsiderevoli.
Fl-1090 il-Konti Ruġġieru kien ġie Malta biex jgħaqqad il-gżejjer tagħna mar-renju tiegħu, u kien ta lill-Għarab status ta’ tributarji filwaqt li l-amministrazzjoni kienet f’idejhom sakemm ġie żmien fejn ġew imkeċċija għal kollox minn Malta. Hawnhekk jidher li l-Għarbi baqa’ l-mezz ewlieni għat-taħdit bejn il-Maltin filwaqt li Malta issa li kellha kuntatt ma’ Sqallija, beda jinfiltra l-Isqalli u l-Latin li saru l-lingwi uffiċċjali. Dan minħabba l-fatt ukoll li kienu ħafna dawk il-Maltin li kienu trawmu fi Sqallija bħal nutara u qassisin.
L-element rumanz issa beda dieħel ġmielu, speċjalment ukoll għax kien hawn numru kbir ta’ Maltin li huma nsara u dan witta t-triq biex aktar kliem jidħol faċilment. Meta nħass il-bżonn ta’ aktar knejjes bdew jiġu artiġjani minn Sqallija fosthom Antonio de Saliba u Giovanni Salvo di Antonio biex iżejnu l-Knejjes b’pitturi u statwi. Ma nistgħaġbux għalhekk li għandna ċertu kliem tekniċi li writniehom f’dan il-perjodu fosthom pinzell, kulur, inkwatru, induratura, koppla u zuntier.
Ta’ min isemmi wkoll influwenzi oħra mir-romanz fejn kien jidħol l-amministrazzjoni; u għalhekk f’dokumenti miktuba, min-negozjanti, f’atti notarili (in-nutara kienu jiktbu bl-Isqalli, għalkemm kienu jużaw xi termini bil-Malti fejn meħtieġ), u anke għalhekk selliefa tal-flus li ħafna kienu minn Toskana.
Fi ftit kliem mela Malta bdiet issir iktar u iktar Ewropea fejn ir-reliġjon Kattolika bdiet tikber dejjem aktar u bdejna nitħalltu ma’ nies jitkellmu bil-Latin jew bl-Isqalli.
Xi kliem mill-Isqalli li għadu jintuża anke llum nistgħu narawh fl-illustrazzjoni ta’ hawn taħt:
Kliem Malti
Kliem Sqalli
balla
palla
xlokk
Sciloccu
Qattus
cattus
qanpiena
campiena
ċar
ciaru
Ix-xebh bejn kliem Malti u kliem Sqalli
Il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann
Sa dan iż-żmien il-popolazzjoni ta’ Malta kienet madwar ħamest elef. Iżda hekk kif ġew il-Kavallieri f’Malta din eskalat ġmielha! Dawn meta ġew biss biss ġabu xi tlett elef ruħ f’daqqa li kienu jikkonsistu f’suldati, baħħara, artiġjani, sefturi li kienu ġejjin mill-Ewropa kollha, u wkoll skjavi mil-Lvant. Nifhmu għalhekk li f’Malta issa kellna taħlit ta' nies b'kulturi differenti.
Dan kien żmien fejn bdiet tingħata importanza kbira lill-Port il-Kbir, b’kuntrast mal-ħakkiema ta’ qabel li ma wrewx interess f’din iż-żona. Dan minħabba li l-Kavallieri kellhom flotta qawwija li kienet tgħasses il-Mediterran u kien aktar konvenjenti li jibnu swar madwar il-Birgu milli tibqa’ fl-Imdina li ma baqgħetx għalhekk il-Belt Kapitali, għax ħadet postha l-Belt Valletta. Il-Professur Brincat jurina kif “id-daħlet tal-Kalkara, tal-Birgu u tal-Isla baqgħu utli għat-tiswija, għall-bini u s-servizzi fuq ix-xwieni, filwaqt li l-Belt Valletta ngħatat għas-servizz amministrattivi, reliġjużi, kummerċjali u kulturali.” (Brincat, J.M. (2000) Il-Malti - Elf Sena ta’ Storja, p. 110)
Issa dawk il-Maltin li forsi kienu aktar avventurużi bdew joħorġu mill-irħula u bdew jitħalltu ma’ nies mill-ibliet, mhux biss għax-xogħol imma wkoll biex jissetiljaw hemmhekk. Dan għen ukoll biex il-Maltin ikollhom kuntatt ma’ stranġieri, b’lingwi differenti. U issa mela l-Malti li qabel kien iservi fit-taħdit ta’ kuljum fost il-poplu kellu “jespandi biex iħaddan attivitajiet oħra u jżomm il-pass mal-innovazzjoni mgħaġġla fis-setturi soċjali, kummerċjali u kulturali.” (Brincat, J.M. (2000) Il-Malti - Elf Sena ta’ Storja, p. 111)
Issa l-Malti iktar sar innovattiv, beda jiġġedded u beda aktar iżid fil-kliem li fejn għall-ewwel forsi ma fehmuhx , beda jindara u sar parti mill-ħajja ta’ kuljum.
Xi ħaġa li lili tolqotni personalment u nsibha interessanti hi kif nies minn irħula differenti kif sabu ruħhom f’żona ġdida ma’ nies ġodda, saħansitra ma’ Maltin stess minn irħula differenti minn tagħhom, ma bdewx jużaw id-djalett ta’ raħalhom, kellhom jitilqu dawk li nsejħu ‘markati’; bdew jeliminaw il-karatteristiċi ta’ minn fejn ġejjin; il-pronunzja, ċerti kliem u espressjonijiet li kienu mdorrijin fihom biex ikunu jistgħu jassimiljaw ruħhom fl-ambjent il-ġdid.
Dan kollu ta spazju biex ifformat “koiné elettiva li bi speċi ta’ infiltru inviżibbli ‘naddfet’ l-ilsna tal-kampanja, u fuq in-nukleu komuni tagħhom bdiet tassimila elementi mil-lingwi ta’ barra li l-aktar kellhom utilità prattika u konsistenza.” (Brincat, J.M. (2000) Il-Malti - Elf Sena ta’ Storja, p. 117) Id-dħul ta’ kliem ġdid li ħafna minnhom kellu x’jaqsam max-xogħol il-Professur Brincat isejħilha ‘penetrazzjoni mill-baxx’ biex ifisser kif is-snajja bħal xogħol tal-injam u bini għen biex jidħlu dawn il-kliem ġodda, għalkemm ma eskludiex li l-iskola kellha sehem ukoll għalkemm is-sistema edukattiva ma kenitx għadha daqshekk qawwija. Xi termini ġodda kienu baqqun, ċapep, kazzola, pala, ċangun, faċċata, opramorta u ħafna oħrajn użati fuq il-post tax-xogħol.
Nistgħu nimmaġinaw ukoll għalhekk li dawk li marru jaħdmu jew anke jgħixu fil-Kapitali b’xi mod żammew kuntatt ma’ familthom fil-kampanja, u dan serva biex xi kliem ġdid jasal lilhom ukoll. Biex nikkonkludu din il-parti tajjeb ngħidu li l-Gran Mastri, li kienu kontinwament jinbidlu, kienu ġejjin minn bliet differenti u għalhekk qatt ma għadditielhom minn rashom li jimponu l-lingwa tagħhom fuq il-Maltin. L-Infiltrazzjoni ta’ termini ġodda saret mela naturali u b’hekk l-ilsien Malti kompla jistgħana.
Minn dan iż-żmien ‘l hemm kienu ħafna Maltin li taw il-kontribut tagħhom fil-Letteratura u għenu biex il-Malti jibda jingħata aktar prestiġju bħal Injazju Saverju Mifsud li kiteb priedki tal-Omeliji b’mod formali, u Dun Franġisk Uzzino li kiteb żewġ kurunelli bil-Malti, fost oħrajn. Ma nistgħux ninjoraw lil Pietru Caxaro li ħafna qabel kien kiteb Kantilena misjuba mill-Professur Wettinger u Dun Mikiel Fsadni fl-1968. Din kienet inkitbet xi ħamsin sena qabel ma ġiet ikkupjata minn Brandanu Caxaro, qarib tal-awtur, u kelli x-xorti naraha b’għajnejja fl-Arkivji Notarili, attivita’ ferm interessanti organizzata mis-Sur Olvin Vella u li hawn taħt qed nuri ritratt tagħha.
Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaro, Arkivji Notarili, Il-Belt Valletta.
Taħt il-kolonja Brittanika
Jekk taħt l-Ordni qatt ma kien hemm xi Gran Mastru li għamel politika lingwistika, ma nistgħux ngħidu l-istess għal Napuljun li malli ħataf gżiritna daħħal ħafna riformi, fosthom l-introduzzjoni tat-tagħlim tal-Franċiż fl-iskejjel, u anke biddel it-toroq b’ismijiet Franċiżi fil-Belt Kapitali. Iżda s-sentejn li damu hawn ma tantx ħallew effetti lingwistiċi.
Propju wara dawn is-sentejn spiċċajna taħt Kolonja Ingliża. Dawn ukoll iċċumbaw il-Port il-Kbir u raw li kien ideali biex Malta ssir fortizza navali u militari.
L-Ingliż issa għall-Maltin sar meħtieġ; aktar nies bdew joħorġu mill-għelieqi u jingħaqdu mal-armata jew mal-flotta navali, fejn hemmhekk kien obbligatorju li tkun taf l-Ingliż. Xogħlijiet oħra kienu t-Tarzna, mal-pulizija, u anke fil-ħwienet, ladarba kiber il-kummerċ mal-Ingilterra. Dan minkejja l-fatt li l-Ingliż ma kien jafu ħadd, anke għax l-Ingilterra ma kinitx pajjiż Mediterranju u fi żminijiet bikrija l-influwenzi soċjali kienu jimxu mal-ġeografija.
Fl-1813 beda jsir sforz biex it-Taljan jiġi sostitwit mill-Ingliż, u hawnhekk qamet il-kwistjoni tal-lingwa li damet sejra 121 sena, fosthom saru protesti u anke petizzjoni biex jiddefendu l-lingwa Taljana.
Fiex jidħol il-Malti f’dan kollu? Tajjeb inqisu li l-Malti sa dan iż-żmien ma kienx prestiġjuż għax ma kenitx lingwa miktuba, u kif kienet għaddejja din il-polemika bejn it-Taljan u l-Ingliż, jitkompla l-proċess tal-istandardizazzjoni tal-Malti u jsir lingwa prestiġjuża. Dan kollu wassal biex fl-1934 l-Ingliż u l-lingwa Maltija ġew iddikjarati l-uniċi żewġ lingwi uffiċjali f'Malta.
Xi kliem Ingliż li infiltra fil-Malti u għamilnieh tagħna f’dan il-perjodu nsibu xelter, bojler, dokk; assoċjati mal-gwerra u t-Tarzna, iżda wkoll kliem assoċjat mal-isports bħal tennis, futbol etċ.
Minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija bħala Maltin kellna espożizzjoni kbira għall-Ingliż miċ-ċinema, u anke mill-mużika, u llum l-Internet. Iżda rridu nsemmu wkoll il-kontribut tar-Redifussion biex kien l-mudell tal-Malti standard u anke informali permezz tal-aħbarijiet, kummiedji, qari ta’ rumanzi, programmi għall-gosti ta’ kulħadd bħal dawk immirati għal tfal u nisa, u xandiriet oħra politiċi jew fuq sports.
Illum il-ġurnata aħna bilingwi u għandna l-għażla x’naqraw, x’nisimgħu u xi nsegwu b’liema lingwa rridu, iżda l-maġġoranza tal-Maltin xorta għadna nitħaddtu bil-Malti fil-‘kċina’ kif iħobb issejħilha l-Professur Brincat, filwaqt li nsibuna komdi niktbu bl-Ingliż xi ittra formali.
Konklużjoni
“It-taħlit soċjali jġib miegħu taħlit lingwistiku”
(Brincat, J.M. (2000). Il-Malti - Elf Sena ta’ Storja, p. 32)
Dak kollu li għaddejna minnu bħala storja u influwenzi fil-lingwa tagħna hu sinjal li għandna lingwa ħajja u f'saħħitha. Illum wasalna biex għandna din il-lingwa u minħabba li fil-passat din il-gżira kienet kolonja Brittanika, l-Ingliż, flimkien mal-Malti, igawdi l-istatus ta' lingwa uffiċjali. Biżżejjed inħarsu madwarna biex naraw dan f’xi sinjali fit-toroq u f’postijiet pubbliċi, fuq menus ta’ ristoranti, f’ċirkulari, u f’dokumenti uffiċjali, li llum qed narawhom biż-żewġ lingwi.
Il-Malti nqisuh bħala l-lingwa li tagħtina identità; iżda ma jaqdiniex fil-qasam internazzjonali, u għalhekk għandna bżonn ta’ lsien ieħor, f’dan il-każ l-Ingliż li jgħaqqadna mal-kumplament tad-dinja, u għandu jkun vantaġġ għalina sabiex inżommu ruħna aġġornati u navvanzaw ma’ nazzjonijiet oħra billi nżommu kuntatti ekonomiċi u kulturali. Tajjeb li jkun hemm bilanċ u jintużaw f’ħinhom u f’waqthom! U għalhekk kif bdejt bl-ewwel strofa mill-poeżija ta’ Dun Karm, issa se nagħlaq dan l-istħarriġ bl-aħħar strofa mill-istess poeżija:
“Għalhekk inti fost kemm ilsna
ġo widnejja jdoqqu sbieħ,
tibqa’ dejjem l-egħżeż wieħed
sa ma f’qabri mmur nistrieħ.”
Silta mill-poeżija L-Għanja tal-Ilsien Malti - Dun Karm
Riferenzi
Borg, K. (Ed.) Lingwa u Lingwistika. Klabb Kotba Maltin.
Brincat, J.M. (2000). Il-Malti – Elf Sena ta’ Storja. PIN.
Cassar Pullicino, Ġ. (2001). Il-Kitba bil-Malti sal-1870. PIN.
Vella, A. (1974) Storja ta’ Malta, Vol 1. Klabb Kotba Maltin.